L-id il-leminija ta’ Roberta Metsola kien diġà wasal għad-deċiżjoni flimkien mal-Bureau tal-Parlament Ewropew li tippresiedi Metsola biex reġa’ nqata’ l-Malti mil-laqgħat tal-Kumitati tal-Parlament Ewropew fost oħrajn qabel Metsola bagħtet ittra lill-Prim Ministru Robert Abela biex titfa’ fuq ħaddieħor problema li hi tagħha.
Żvela dan il-kandidat Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Clint Azzopardi Flores waqt il-programm XTRA.
Dan l-iżvilupp ġdid juri kif is-Segretarju ta’ Metsola jew aħjar is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew Alessandro Chiocchetti bagħat ittra fit-30 ta’ Jannar bid-deċiżjoni lesta li sa tmiem il-leġislatura li għadha trid tibda tal-Parlament Ewropew, il-Malti u l-Irlandiż ikun hemm eċċezzjoni fuq obbligu ta’ interpreti f’laqgħat tal-Parlament Ewropew.
Fatt li juri kif Metsola ħadmet kontra l-lingwa Maltija mbagħad kważi ġimgħa u nofs wara d-deċiżjoni meħuda kitbet lill-Prim Ministru Robert Abela biex titfa’ fuq ħoġor ħaddieħor problema li ma solvietx hi.
Azzopardi Flores żvela dan fil-programm meta kien qed jiddibatti ma’ kandidat Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
“Fit-30 ta’ Jannar ir-riżoluzzjoni mis-Segretarju Ġenerali kienet diġà għaddiet. Jiġifieri hawn tista’ tippubblikaha. Roberta Metsola farfret mir-responsabbiltajiet kollha tagħha u remgħiet l-ilsien Malti.”
Is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew li ħatret Metsola ilhom iqumu mistoqsijiet kbar fuqu wara li kellu laqgħat fil-Qatar u kien f’nofs l-iskandlu QatarGate li seħħ taħt għajnejn Metsola.
Fil-fatt kien hemm kritika għaliex Metsola tefgħatu bħala Segretarju Ġenerali tal-Parlament li tmexxi u dan wara li allegazzjonijiet dwaru qamu meta hu kien Chief of Staff tagħha.
Floku kienet tefgħet ir-raġel t’oħtha Matthew Tabone iżda rtirat id-deċiżjoni baxx baxx wara li kien kixifha ġurnal Taljan.
Dwar il-kwistjoni mbagħad tal-interpreti mill-Malti, it-Times kienet irrappurtat li l-Parlament Ewropew li tmexxi Metsola saħaq li huwa impossibbli li jkun hemm interpreti għal Malti fil-laqgħat kollha tal-Parlament Ewropew anki jekk il-lingwa Maltija hi ilsien uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
F’dikjarazzjoni mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru rappurtata mit-Times anki wara li Metsola kitbet lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, intqal li l-President tal-Parlament Ewropew ma għandhiex titfa’ n-nuqqasijiet tagħha fuq il-Gvern wara li kitbet fuq il-kwistjoni tal-interpreti tal-Malti.
Ġie nnutat kif Metsola lanqas hi kapaċi ssolvi kwistjonijiet li jaqgħu taħtha, f’dan il-każ tiddefendi l-lingwa Maltija.
Il-Gvern innota wkoll il-kundizzjonijiet kuntrattwali tax-xogħol offruti mill-Parlament Ewropew lill-interpreti għall-Malti li jistgħu jkunu ta’ sfida biex jinstabu interpreti.
Fil-fatt is-sitwazzjoni hi li interpreti għall-Malti mhux ma jeżistux iżda qed jiġu ingaġġati bħala freelance u mhux jingħataw biżżejjed xogħol mill-Parlament Ewropew.
Dawn il-fatti esponewhom ukoll l-Ewroparlamentari Laburisti Alex Agius Saliba u Cyrus Engerer, li kritikaw l-eċċezzjoni kontra Malta li qablet magħha Metsola.