Riċentament b’ħidma bejn il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u l-Awtorità tad-Djar inqabad każ ta’ abbuż fejn proprjetà tal-Gvern bdiet tintuża għal skopijiet turistiċi. Dan mhux każ wieħed, filwaqt li l-Awtorità tad-Djar qed tindirizza wkoll frodi oħra li qed isiru minn terzi persuni. Dawn il-każijiet qed jgħadduhom lill-pulizija għal aktar investigazzjonijiet.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret mill- Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes u li għaliha kien hemm preżenti wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay.
Is-Sur McKay qal: “Għalina mhux se nittoleraw, dawn huma nies qegħdin jabbużaw mis-sistema billi qed jitolbu depożitu lill-persuni biex iwegħduhom xi post ta’ akkomodazzjoni soċjali. Għalina dawn huma cowboys li mhux se nittolleraw, dan huwa frodi u jien personalment diġà ħtart żewġ persuni fi ħdan l-awtorità biex tinvestiga dawn l-allegazzjonijiet u tgħaddihom lill-pulizija.”
Ħamsin familja li jgħixu f’żewġ blokok ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Ta’ Ramija fis-Siġġiewi se jkunu qed jibbenefikaw minn riġenerazzjoni b’investiment ta’ ftit inqas minn tliet mitt elf ewro.
Il-Ministru Galdes qal li dan il-proġett ta’ riġenerazzjoni huwa parti minn proġett akbar li se jkun qiegħed jissarraf fil-manutenzjoni u tisbiħ tal-oqsma tad-djar kollha f’Malta. Bl-investiment totali matul din is-sena laħħaq iż-żewġ miljun u sitt mitt elf ewro.
Dan huwa investiment li se jkunu bbenefikaw minnu 500 familja.
Il-Ministru Galdes fakkar li apparti l-viżjoni tal-Gvern biex jiżdied l-istokk tal-akkomodazzjoni soċjali, ġiet intensifikata l-ħidma kontra l-abbuż fl-akkomodazzjoni soċjali u dan sabiex jiġi żgurat li minn dawn il-proġetti jgawdu minnhom min vera huwa fil-bżonn.
Huwa stqarr: “Bħall kull servizz soċjali ieħor, is-servizzi soċjali qegħdin hemm biex jgħinu l-batut. Allura meta dawn jiġu abbużati mbagħad huwa fid-dmir tal-istat li jieħu passi biex jiġbor lura s-serq li jkun sar. U allura mhux se nieqfu min-naħa tagħna u anke min-naħa tal-Awtorità tad-Djar li tagħmel dak kollu possibbli biex dawn l-affarijiet ma jiġrux.”