Minkejja l-avviżi, it-tieqa tad-Dwejra kellha numru ta’ viżitaturi mhux mixtieqa llum wara nofsinhar.
L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) b’kollaborazzjoni mal-Kumitat tad-Dwejra, l-Assoċjazzjoni għat-Turiżmu f’Għawdex u Nature Trust Malta, qed jieħdu passi biex jiżdied l-għarfien dwar il-bżonn li tiġi protetta it-tieqa tad-Dwejra.
L-għan ewlieni huwa li l-pubbliku, t-turisti kif ukoll dawk il-Maltin u Għawdxin li jżuru din it-tieqa ma jkomplux jagħmlu aktar ħsara, wara li minkejja t-twissijiet xorta waħda jagħżlu li jimxu fuq din il-ġawra naturali.
L-MTA ddeskriviet din it-tieqa bħala ikonika għal pajjiżna u li bosta turisti japprezzaw. Iżda sfortunatament xi kultant l-apprezzament tad-Dwejra qed isir billi n-nies xorta waħda jimxu fuqha – u qajla jagħtu każ il-periklu.
L-MTA appellat lil pubbliku, biex jifhmu li minkejja li meta persuna waħda timxi fuq din it-tieqa l-effett ambjentali huwa minimu, dan ma jkunx il-każ meta l-istess effett jagħmluh ħafna persuni.
L-Awtorità qed tmexxi kampanja biex jiżdied l-għarfien dwar is-sitwazzjoni preżenti, biex tappella lil pubbliku biex jieqaf jimxi fuq it-tieqa tad-Dwejra. Fl-istqarrija żiedet li din għandha tiġi protetta biex tkun tista titgawda mill-ġenerazzjonijiet tal-futur.
F’ din il-kampanja l-MTA qegħda iżżid u tirranġa t-tabelli li diġa hemm (kif jidher fir-ritratt), tikteb informazzjoni ta’ tagħrif fuq il-midja soċjali, tqassam fuljetti ta’ appell u informazzjoni fil-vjaġġi tal-Gozo Channel, kowċis u karozzi mikrij u tinstalla ‘web cams’ fiż-żona għal monitoraġġ akbar.
Transport Malta wkoll appellat biex dawk li sejrin id-Dwejra bid-dgħajsa jew xi opra tal-baħar jieħdu ħsieb u joqgħodu ‘l bogħod mit-tieqa hekk kif rapporti riċenti qed jbassru li l-istruttura naturali jista’ jkun qiegħda fil-periklu li tikkrolla.