“Futureproofing our heritage through research and development”, kienet it-tema ta’ konferenza li saret fl-istitut għall-edukazzjoni ogħla, Saint Martin’s, fejn ġie spjegat fid-dettall proġett li tlesta riċentament u li ħoloq mudell virtwali tal-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni.
Il-Prinċipal tal-Istitut, Charles Theuma, innota kif, minkejja li ħafna Maltin aktarx żaru l-Ipoġew xi darba f’ħajjithom, hemm oħrajn li qatt ma rawh jew isibuha diffiċli li jsibu ċans, peress li hemm limitu fuq kemm jistgħu jidħlu nies fih ta’ kuljum u l-appuntamenti jsiru minn xhur qabel.
Għaldaqstant, l-idea ta’ dan il-proġett hi li tagħti esperjenza viċin ħafna tar-realtà ta’ dak li wieħed jista’ jgawdi minn dan il-wirt dinji; anzi aħjar għax il-mudell jieħu lil dak li jkun, lura fiż-żmien.
“Dan huwa mudell ta’ kif kien jidher l-Ipoġew fi żmien il-pre-istorja allura m’hemmx ħadid, m’hemmx wajers, m’hemmx bozoz li hemm illum, hu fl-istat naturali tiegħu, u wkoll daħħalna ċerti elementi ta’ fjammi u elementi ta’ dawl naturali kif kien jidħol fil-livell tan-nofs mid-dawl tax-xemx.”
Din l-esperjenza virtwali titfa’ dawl ukoll fuq it-tranżizzjoni tal-bniedem wara l-mewt dak iż-żmien.
“Ħafna Maltin ma kinux jafu li l-livell ta’ fuq, dan kien fuq l-art fiż-żmien, infatti jaħsbu li d-difna ma kinitx issir ġo fih, id-difna kienet issir fuq l-art u l-unika skeletru li nstab kien ġo għar fuq l-art, probabbilment meta l-ġisem kien jiddeterjora, imbagħad kienu jniżżlu l-għadam u jpoġġuhom fir-reservoirs li kellhom fit-tielet livell, fl-iktar wieħed midfun.”
Dan il-proġett ta’ riċerka kien possibbli grazzi għal għajnuna finanzjarja ta’ madwar tliet mitt elf ewro mill-Fond għar-Riċerka u l-Iżvilupp tal-Malta Enterprise.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia, tenna kif proġett, bħal dan, jgħaqqad il-passat mal-preżent u l-futur, l-istorja mat-teknoloġija, u qed joffri l-innovazzjoni f’settur tradizzjonali.
Hu ħeġġeġ kumpaniji u istituzzjonijiet edukattivi oħrajn biex jaċċessaw skemi tal-Malta Enterprise biex proġetti bħal dawn, jibqgħu jsiru.
Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, qal li dan hu mod innovattiv ta’ kif tiġi mgħallma l-istorja u żvilupp ta’ metodi ġodda ta’ kif ikun hawn aktar għarfien fuq ċerti suġġetti.
“Bħala Ministru, ikolli ħafna opportunitajiet nattendi għal konferenzi barra minn Malta, fejn tibda tara kumpaniji kbar jesebixxu proġetti simili u allura meta, imbagħad, tibda tara li l-gżira ċkejkna tagħna wkoll jibda jkollha l-element tar-riċerka tagħha li toħorġu hemm barra anke fuq livell kummerċjali u fuq livell produttiv ta’ użu għar-riċerka, tagħmlek kburi mhux biss li inti Malti, imma li iva, anke fejn qegħdin jaslu kumpaniji kbar, anke pajjiżna qiegħed jasal ukoll.”