Denilson Manicaro ta’ 21 sena u Adem Katricioglu ta’ 28 sena mit-Turkija tressqu l-Qorti b’mod separat akkużati li rreżistew u ħebbu għall-pulizija.
L-ewwel deher quddiem il-Qorti kien Katricioglu, bil-Prosekuzzjoni tispjega kif il-Pulizija rat numru kbir ta’ nies fuq il-bajja fis-sigħat bikrin tal-11 ta’ Ġunju.
Qal li kien hemm grupp ta’ nies li kienu qed idoqqu l-mużika u l-Pulizija ressqet lejhom u kkonfiskat ‘bluetooth speaker’. Spjega kif allegatament l-akkużat mexa wara l-pulizija u meta ma tawhx l-ispeaker lura huwa attakahom.
Huwa wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
L-avukat tal-għajnuna legali li dehret għall-akkużat qalet li l-akkużat għandu fedina penali netta.
Il-Qorti, wara li rat l-ammissjoni bikrija u l-fedina penali netta tiegħu, ikkundannatu għal terminu ta’ priġunerija ta’ 18-il xahar sospiżi għal 3 snin u multa ta’ €5,000 li jridu jitħalsu fi żmien sena. Dan flimkien ma’ garanzija ta’ €1,000 li jżomm il-paċi pubblika għal sena.
Fil-każ ta’ Manicaro l-Prosekuzzjoni spjegat kif f’Paceville raw żagħżugħ bla maskla fis-sigħat bikrin tal-12 ta’ Ġunju. Qal li huma staqsewh għad-dettalji u hu minflok allegatament prova jaħrab. Il-Prosekuzzjoni spjegat kif meta nqabad mill-pulizija sabu li l-akkużat suppost ma kienx qiegħed barra f’dawk il-ħinijiet minħabba kundizzjonijiet tal-bail li għandu fuqu.
Id-difiża qalet kif l-akkużat huwa lest li jammetti għall-akkużi miġjuba kontrih iżda jixtieq li jkun hemm rapport ta’ qabel is-sentenza li jsir minn Uffiċjal tal-Probation. Il-Prosekuzzjoni nnutat li rigward il-bail l-akkużat kien qiegħed barra sagħtejn fuq il-ħin li imponietlu l-Qorti. Madankollu qal kif ir-rapport ta’ qabel is-sentenza dwar il-każ ikun idoneju hekk kif l-akkużat jidher li jixtieq jaqbad it-triq it-tajba.
L-akkużat wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Il-Qorti laqgħet it-talba li jkun hemm rapport ta’ qabel is-sentenza.
Id-difiża talbet ukoll li jkun hemm il-ħelsien mill-arrest. Il-Prosekuzzjoni qalet li filwaqt liissoltu jkun hemm oġġezzjoni għall-ħelsien mill-arrest f’każijiet simili, f’dan il-każ il-pulizija ma ratx lok li jkun hemm din l-oġġezzjoni.
Il-Qorti b’hekk tatu l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €800 u garanzija personali ta’ €4,000. Barra dan il-Qorti mponietlu l-kundizzjoni li jkun ġewwa dahru sal-ħin stipulat u li jiffirma l-għassa kuljum.
Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-uffiċjali li allegatament l-akkużat ħebb għalihom.