Żewġ irġiel inħelsu minn kull akkuża, b’rabta ma’ materjal għall-imħatri illegali, hekk kif il-Prosekuzzjoni ma kellhiex biżżejjed xhieda.
Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras ikkonkludiet li ma nstabet ebda rabta bejn iż-żewġ irġiel, Anthony Gafa u Raymond Brincat, u l-erba’ magni li nstabu ġewwa bar fil-Marsa.
Il-każ imur lura għall-2006, meta wara rejd li saret, instabu grupp ta’ rġiel jaraw it-tiġrijiet taż-żwiemel fuq bosta settijiet tat-televiżjoni. F’kamra oħra il-Pulizija sabet erba’ magni tal-logħob mhux liċenzjati.
Fil-Qorti intqal ukoll kif dawn il-magni kienu biss għall-gost u ma kienu joffru ebda premju monetarju.
Barra minn hekk, minħabba l-fatt li l-każ ħa fit-tul, ix-xhieda kellha tinstema’ mill-bidu.
Abbażi ta’ dawn l-affarijiet, iż-żewġ irġiel inħelsu minn kull akkuża, b’rabta ma’ dan il-każ.
Id-difiża kienet immexxija mill-Avukati Jose’ Herrera u Kristina Camilleri Deguara.