Libjan ta’ 20 sena li jgħix tas-Sliema u Malti ta’ 16-il sena mis-Swieqi ngħataw il-ħelsien mill-arrest fuq numru ta’ kundizzjonijiet wara li ġew mixlija li ħebbew għal żewġ żgħażagħ oħra waqt argument.
L-akkużati ġew mixlija kif fis-27 ta’ Novembru kkaġunaw ġrieħi gravi lil żagħżugħ u ġrieħi ħfief fuq żagħżugħ ieħor. Intant iż-żagħżugħ Libjan ġie mixli wkoll b’pussess ta’ droga kannabis u li m’obdiex l-ordinijiet tal-Pulizija.
Iż-żewġ żgħażagħ wieġbu mhux ħatja bl-avukati tad-difensuri talbu għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest taż-żewġ żgħażagħ, fil-każ taż-żagħżugħ Malti fuq depożitu ta’ €1,500 u garanzija personali ta’ €9,000 kif ukoll jiffirma darba fil-ġimgħa fl-eqreb għassa.
Fil-każ taż-żagħżugħ Libjan, il-Qorti ħelsitu fuq depożitu ta’ €3,000 u garanzija personali ta’ €10,000 kif ukoll jiffirma darbtejn fil-ġimgħa fl-eqreb għassa.
Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni fuq iż-żewġ żgħażagħ li sfaw aggrediti.