Erba’ persuni inħelsu mill-akkużi tagħhom b’rabta ma’ każ li jmur lura għall-2013, liema inċident ħalla lil raġel mejjet u tifla imweġġa’.
Hawn, ir-raġel u t-tifla li kellha ħdax-il sena kienu qed jattendu tellieqa taż-żwiemel żgħar, meta wieħed miż-żwiemel tefa’ lil min kien qed jirkbu l-isfel u baqa’ jiġri lejn iż-żewġ vittmi.
Il-Qorti kkonkludiet li kien l-istess vittma u tifla li poġġew lilhom infushom f’periklu hekk kif kienu qiegħdin f’żona fejn mhux suppost kienu.
L-erba’ persuni li nħellsu mill-akkużi huma r-raġel li kien jirkeb iż-żiemel, l-organizzatur tat-tellieqa u żewġ uffiċċjali li krew il-post għat-tellieqa.
Tul is-snin fil-Qorti nstema’ kif it-tellieqa kienet imxiet mar-regolamenti kollha meħtieġa u kellha l-permessi wkoll, u nstema’ kif l-organizzatur kien ħadem sabiex ikun hemm aktar uffiċjali tal-Pulizija, ambulanza u tim mediku fuq il-post.
Kien instema’ wkoll kif il-vittma kien qed ipoġġi fuq wieħed mill-barriers fuq it-trakka.
Wara li ra l-evidenza kollha, il-Maġistrat Joe Mifsud ikkonkluda li ebda mill-erba’ akkużati ma aġixxew b’mod perikoluż, u għalhekk ħeilshom mill-akkużi.