Raġel li kien involut f’argument ma’ xhud ftit qabel ma kien se jidher fil-Qorti waqt proċeduri kriminali fir-rigward tiegħu nħeles minn kull akkuża.
Deniro Magri, li bħalissa qed jaffaċċja proċeduri kriminali dwar il-qtil fil-Marsa li seħħ fi Frar tal-2017, tressaq il-Qorti akkużat b’akkużi ġodda wara li ltaqa’ b’kumbinazzjoni ma’ Aaron Cassar ta’ 37 sena, ir-raġel li allegatament hu involut fl-attentat ta’ ħruq tal-bieb tal-proprjetà ta’ Magri waqt l-istess lejl u ftit qabel il-qtil.
Kien lura f’Jannar meta iż-żewġt irġiel kienu mistennija jidhru fil-Qorti dwar l-istess każ, wieħed bħala l-akkużat u l-ieħor bħala xhud, meta Magri u Cassar spiċċaw ltaqgħu fi Triq ir-Repubblika ftit ‘il bogħod mill-Qorti. Cassar allegatament affaċċja lil Magri fejn qallu li “Mhux se taħrab minnha!” bir-raġel l-ieħor jgħidlu “mhux biżżejjed ppruvajt taħraqli l-bieb tad-dar u daħħaltni f’xeba nkwiet?”
L-argument kompla jeskala sakemm Magri spiċċa sofra ġrieħi gravi filwaqt li Cassar spiċċa sofra ġrieħi ħfief biż-żewġt irġiel spiċċaw jaffaċċjaw akkużi separati dwar dan il-każ.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joseph Mifsud rat il-filmati tal-kameras tas-sigurta li ġibdu l-mument li seħħ l-argument fejn filwaqt li osservat li Magri qal il-verità fl-istqarrija tiegħu mal-Pulizija sostniet kif m’hemm ebda evidenza li turi kif Cassar spiċċa ġarrab il-ġrieħi li kellu.
Wara li qieset l-evidenza kollha pprovduta b’rabta mal-akkużi miġjuba fil-konfront tal-akkużati, il-Qorti sabet li ma kienx hemm biżżejjed evidenza u kien għalekk li ħelset lill-akkużat minn kull akkuża b’rabta ma’ dan l-argument.
Iż-żewġt irġiel qed jaffaċċjaw akkużi oħra fi proċeduri separati b’rabta mal-qtil ta’ Sylvester Farrugia, li nstab mejjet bil-Pulizija ħdejn vettura fi Triq Simpson fil-Marsa.