Adam Zammir Soler li deher f’filmat jagredixxi żewġ persuni fix-Xemxija, ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti l-Ġimgħa.
Ir-raġel ta’ 21 sena minn Ħad-Dingli ġie mixli li l-Ħamis filgħodu kkaġuna ġrieħi gravi fuq mara u ġrieħi ħfief fuq raġel. L-akkużi inkludew ukoll theddid u ksur ta’ paċi pubblika, sewqan perikoluż u li wettaq ħsara fuq vettura ta’ persuna oħra.
Għal dawn l-akkużi, l-imputat wieġeb mhux ħati u talab għall-ħelsien mill-arrest. Il-Maġistrat Astrid May Grima laqgħet din it-talba fuq diversi kundizzjonijiet u fuq talba għal depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €10,000.
Il-kundizzjonijiet li ordnat il-Qorti jinkludu li ma jkellimx lix-xhieda li jinġabar f’daru f’ħin stipulat u li jiffirma l-għassa kuljum. Il-Qorti ħarġet wkoll ordni ta’ protezzjoni fuq iż-żewġ allegati vittmi.