Raġel li kien akkużat li wettaq serqa minn residenza f’Ħad-Dingli nħeles mill-akkużi wara li x-xhud ewlenija ma kinitx kapaċi tidentifikah fil-Qorti.
Paul Abela ta’ 62 sena mir-Rabat, magħruf bħala ‘il-Fjakk’ tressaq il-Qorti akkużat li daħal f’residenza f’Ħad-Dingli fejn allegatament seraq madwar €2,000 fi flus kontanti u diversi oġġetti tad-deheb f’każ li seħħ lura f’Marzu tas-sena 2012.
Hu kien akkużat ukoll li rċieva oġġetti misruqin, li kkawża ħsara fi proprjetà mhux tiegħu kif ukoll li kien riċediv.
Il-Pulizija waslitilhom telefonata anonima li dakinhar tas-serqa ra tlett irġiel b’vann griż ipparkjat barra residenza partikolari fit-triq ewlenija. Wieħed mill-irġiel, li ma kienx is-sid, daħal fir-residenza filwaqt li ż-żewġ persuni l-oħra saqu minn fuq il-post.
Meta l-Pulizija waslu madwar 20 minuta wara sabu li l-bieb kien magħluq u intatt iżda l-Pulizija waslitilhom it-tieni telefonata fejn is-sid tar-residenza ta’ ħdejn dik li ssemmiet fl-ewwel rapport, irrapportat li r-residenza tagħha ġiet misruqa.
Jidher li l-ħallelin daħlu fl-ewwel residenza u użaw mejda, siġġu u ġebla biex jaċċessaw ir-residenza ta’ ħdejha.
Kien proprju xahrejn wara li s-sors identifikat wieħed mill-ħallelin fejn qalet lill-Pulizija li hi rat ix-xena sseħħ waqt li kienet qed tonxor il-ħwejjeġ fuq il-bejt. Hi qalet lill-Pulizija li x’aktarx Abela kien ir-raġel li rat fuq il-bejt, iżda ma kinitx ċerta.
Waqt l-istess jum ix-xhud xhedet quddiem Maġistrat u tat deskrizzjoni differenti fejn qalet li ma setgħetx tidentifika lill-akkużat fil-Qorti hekk kif kien wisq il-bogħod meta seħħet is-serqa.
Minkejja li kien hemm sors ieħor li semma lill-akkużat b’ismu, kunjomu u l-laqam, il-Qorti nnutat li l-istess sors ma xehedx fil-Qorti.
Fuq dak li ġie ppreżentat fil-Qorti, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli kkonkludiet li m’hemmx biżżejjed evidenza biex l-akkużat jibqa’ jiġi assoċjat ma’ dan ir-reat.
Kien għalekk li l-Qorti ħelset lill-akkużat minn kull akkużat.
Għall-akkużat dehret l-Avukat Kathleen Grima.