Raġel li qatta’ xi jiem arrestat wara li t-tfal ta’ martu għamlu allegazzjonijiet serji li żewġ ommhom kien messhom b’mod mhux xieraq, ngħata l-libertà proviżorja wara li ż-żewġt ibniet xehdu fil-Qorti li kienu gidbu.
Ir-raġel ta’ 40 sena, li hu Sirjan u t-tieni raġel tal-omm tal-allegati vittmi, ġie interrogat u mressaq il-Qorti u wara nżamm arrestat wara li l-Pulizija ġew infurmati li l-każ ma setax jistenna.
L-Aġenzija Appoġġ saret taf bil-każ wara li waħda mill-bniet, li għandha 15-il sena, fetħet qalbha ma’ ħabiba l-iskola dwar kif ir-raġel ta’ ommha kien imissha b’mod indiċenti.
Meta kellimuha uffiċjali tal-Iskwadra tal-Pulizija Kontra l-Vizzji, iż-żagħżugħa qalet li r-raġel kemm-il darba messha b’mod intimu. Intant, oħtha ż-żgħira aktar tard qalet li anke hi għaddiet minn esperjenza simili.
Ir-raġel inżamm arrestat sakemm xehdu ż-żewġt ibniet. Meta xehdu, it-tifla l-kbira ammettiet li dak kollu li allegaw kien pjan biex jeħilsu mir-raġel ta’ ommhom għax kien ikollhom wisq argumenti miegħu.
Qalu li, fost l-argumenti li kien ikollhom, kienu jitlewmu dwar l-internet u semmew kif ġieli qatgħalhom l-internet biex ma jkunux jistgħu jużawh.
Kien għalhekk li ppjanaw li jigdbu lil sħabhom, biex l-aħbar b’xi mod tasal għand min kellha tasal.
It-tifla l-kbira qalet li ma ħasbitx li l-każ kien se jikber daqshekk, tant li jispiċċaw il-Qorti, u kien għalhekk li ddeċidiet li issa tgħid il-verità.