Kurt Lanzon ta’ 26 ngħata l-ħelsien mill-arrest, wara li wieġeb mhux ħati li ħaraq appartament fejn kien jgħix hu stess.
FIl-Qorti nstema’ li l-imputat u sid l-appartament kellhom xi diżgwid qabel l-allegat ħruq tal-appartament. Dakinhar tal-ħruq il-Pulizija waslu fuq il-post, fejn mill-ewwel bdew jitkellmu mal-imputat u s-sieħba tiegħu.
L-investigazzjoni tal-Pulizija wriet li ma kien hemm ebda sgass fil-bibien u kif ukoll instabu traċċi ta’ kimiċi li jinħarqu. Intqal ukoll li mal-ħajt instab messaġġ biż-żebgħa fjammabbli, fejn kien hemm miktub “Shaun waslet tiegħek”, messaġġ li jindirizza s-sid tal-appartament.
Il-Prosekuzzjoni qalet li l-imputat qal lill-Pulizija li dakinhar tal-ħruq, huwa mar iwassal lit-tfajla tiegħu u wara dan mar ix-xogħol, iżda meta l-Pulizija traċċaw il-mobile tiegħu, allegatament sabu li huwa kien viċin l-appartament fil-ħin tal-ħruq.
Apparti minn hekk, l-investigazzjoni tal-Pulizija sabet ukoll li l-imputat allegatament kien xtara bott żebgħa fjammabbli.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni. Dan minħabba biżà ta’ intralċ tal-provi. Apparti minn hekk ġie spjegat ukoll kif l-għada tal-ħruq, l-imputat allegatament ċempel lis-sid tal-appartamenti, fejn qallu li tiegħu għadha ġejja.
Il-Qorti laqgħet it-talba tal-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet, fosthom li ma jkellem lil ebda xhieda, jiffirma fl-għassa darbtejn f’ġimgħa, jagħti depożitu ta’ sebat elef ewro, u garanzija personali ta’ għoxrin elf ewro.
Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fuq sid l-appartament