Il-Qorti tal-Appell bidlet sentenza li kienet ingħatat lil student tal-kummerċ li kien weġġa’ serjament dekan tal-fakultà waqt ċelebrazzjonijiet tal-gradwazzjoni seba’ snin ilu.
Fl-2013, Glanville Goodlip mill-Iklin instab ħati li weġġa’ gravi lil Charles Sammut u ingħata sentenza ta’ sitt xhur ħabs sospiża għal sena.
Sammut kien qal li qabad ħorn tal-arja li l-istudent kien qed idoqq f’widintu u mbuttah, bl-istudent jirreaġixxi billi mbutta lid-dekan mal-art.
Goodlip kien qal fil-Qorti li d-dekan ta l-ewwel daqqa ta’ ponn, u hu rreaġixxa.
Sammut sofra ksur fl-ispalla tax-xellug, black eye u tbenġil.
Id-difiża qalet li Goodlip kien ipprovokat, u li l-akkużat irreaġixxa b’mod esaġerat waqt li kien qed jiċċelebra, u dak ifisser li ma kienx hemm intenzjoni kriminali.
L-Imħallef Antonio Mizzi qal li kemm il-provokazzjoni kif ukoll li l-akkużat iddefenda lilu nnifsu kienu neqsin fil-każ. Madanakollu rrimarka li ma kinitx minna l-akkuża li kien parti minn grupp li kellu l-intenzjoni li jikser il-paċi.
Għaldaqstant, il-Qorti kkonfermat is-sentenza b’rabta mal-feriti u li kiser il-paċi bħala individwu, filwaqt li neħħiet l-akkuża li kien parti minn grupp li kellu l-iskop li jikser il-paċi.
Is-sentenza ġiet ridotta għal ħelsien mill-arrest mingħajr ma jwettaq reat fi żmien tliet snin.