Rosmar Bugeja ta’ 24 sena minn Marsaxlokk inħeles mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet wara li tressaq il-Qorti mixli li kellu d-droga fil-karozza tiegħu.
Quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Rachel Montebello, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Marshal Mallia spjegat kif fis-27 ta’ Diċembru għall-ħabta tat-8:00 ta’ filgħaxija, l-imputat twaqqaf mill-pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga waqt li kien qed isuq karozza f’Marsaxlokk.
It-tfittxija fuq persuntu rriżultat fin-negattiv, iżda fil-karozza instabu bejn 55 u 60 qartas ta’ kokaina, pakketti ta’ kannabis u flus kontanti.
L-imputat li jaħdem bħala sajjied ma’ missieru wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, u l-Qorti laqgħet din it-talba fuq diversi kundizzjonijiet, fosthom ngħata depożitu ta’ €4,000 u garanzija personali ta’ €6,000.
L-imputat ma jistax isiefer ħlief b’permess tal-Qorti u jrid jiffirma fl-għassa ta’ Birżebbuġa tliet darbiet fil-ġimgħa.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/12/28/arrestat-wara-sejba-ta-60-pakkett-droga-kokaina/