Raġel ta’ 34 sena mill-Belt ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li kkawża ħsara fuq il-bieb ta’ barra ta’ mara f’mument ta’ rabja. Fl-istess ħin huwa kkawża biża’ fuq il-mara li se tintuża l-vjolenza fuqha, kiser il-paċi pubblika, u ħebb u kkawża ġrieħi ħfief fuq raġel li jgħix mal-mara.
Huwa kien akkużat ukoll li m’obdiex ordnijiet tal-Pulizija u li kisser it-tieqa tal-għassa tal-Pulizija tal-Belt nhar il-5 ta’ Novembru li għadda.
L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u talab għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti aċċettat it-talba, u dan inħeles mill-arrest abbażi ta’ depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000. Huwa kien ordnat biex ma jersaqx lejn il-vittmi u jiffirma fl-għassa tal-Pulizija darbtejn f’ġimgħa.