Raġel li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti nħeles mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet wara li ġie mixli bi vjolenza domestika wara li allegatament qabad isawwat lil martu u mbuttaha t-taraġ.
L-allegat inċident seħħ ilbieraħ filgħodu fid-dar tal-koppja.
Il-mara kkuntattjat lill-pulizija fis-sebgħa u nofs ta’ filgħodu u qaltilhom li s-sieħeb tagħha kien għadu kif aggrediha.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija minn Omar Zammit spjegat li ċemplu lir-raġel biex imur id-depot u minn hemm arrestawh. Huwa ġie mixli wkoll li kkaġuna lil martu ġrieħi gravi u li uża apparat elettroniku biex jheddidha.
Fil-fatt il-mara spiċċat b’idha miksura.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet milqugħa mill-Maġistrat Charmaine Galea fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €10,000.
Il-Maġistrat ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.
L-avukati Franco Debono u Francesca Zarb qed jirrapreżentaw lill-akkużat.