Raġel ta’ 39 sena ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti mixli li nhar il-Ġimgħa kkaġuna ġrieħi ħfief lill-mara tiegħu. Ir-raġel wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
L-Avukat difensur tar-raġel Dr. Arthur Azzopardi għamel żewġ talbiet f’isem l-imputat, li jitpoġġa divjett fuq isem il-koppja sabiex jiġu ssalvgwardjati l-interessi taż-żewġt itfal, flimkien mat-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Dr. Azzopardi qal li l-ħelsien għandu jingħata għal fatt li l-imputat ser jirrisjedi f’residenza oħra u mhux dik matrimonjali u b’hekk ser ikun il-bogħod minn martu. Huwa qal kif il-passaport tal-imputat huwa skadut u għalhekk żgur li l-imputat ma jistax jaħrab mill-pajjiż.
Argument ieħor ta’ Azzopardi kien li l-imputat qatt ma’ xellef difrejh mal-ġustizzja.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Joanna Piscopo ma oġġezjonatx għal ħelsien mill-arrest, ġa la darba dan jingħata b’kundizzjonijiet stretti.
Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest mill-Maġistrat Audrey Demicoli fuq depożitu ta’ elfejn ewro.