Raġel ta’ sitta u għoxrin sena mill-Bulgarija ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb li mhux ħati għal numru ta’ akkużi, fosthom theddid wara li allegatament tella’ kontenut fuq il-midja soċjali.
Fil-Qorti nstema’ kif f’Mejju l-imputat allegatament hedded u insulenta żewġ persuni fuq il-midja soċjali, u anke tella’ filmat jhedded lill-istess persuni.
Huwa ġie arrestat f’daru f’Birkirkara, wara li l-Pulizija nvestigat il-kontenut u kellha mandat ta’ arrest.
Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest b’numru ta’ kundizzjonijiet, fosthom depożitu ta’ elf u ħames mitt ewro u garanzija personali ta’ ħamest elef ewro.
Ġie ordnat ukoll sabiex ma jitfa’ ebda kontenut fuq il-midja soċjali li jista’ jiġi interpretat bħala theddid u l-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur l-allegati vittmi.