Joseph Borg ta’ tnejn u ħamsin sena mill-Gżira nħeles mill-arrest wara li ġie mixli b’pussess aggravat ta’ droga.
Fil-Qorti, Borg kien mixli li fit-tnax ta’ Diċembru u qabel, kellu fil-pussess tiegħu d-droga u kien biha f’post fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ. Hu kien mixli wkoll li m’obdiex l-ordnijiet ta’ maġistrat u mħallef.
Il-Prosekuzzjoni qalet li l-imputat kien ilu madwar ħmistax jiġi osservat, u nstab fil-pussess ta’ madwar tmienja u tletin gramma ta’ qratas tal-kokaina, fost l-oħrajn.
Borg wieġeb mhux ħati u d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest.
Din it-talba ġiet onorata mill-Qorti fuq diversi kundizzjonijiet fosthom garanzija personali ta’ għaxart elef ewro.