Roderick Schembri ta’ sitta u tletin sena ngħata l-ħelsien mill-arrest, wara li wieġeb mhux ħati li ta daqqa ta’ ponn lil Pulizija, u b’hekk kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti fuqu.
Huwa kien diġà akkużat li kien gidem Pulizija.
Fil-Qorti ngħad li fil-wieħed u għoxrin ta’ Novembru f’Birżebbuġa, hedded seba’ uffiċjali tal-Pulizija, irreżista l-arrest u weġġa’ Pulizija waqt li kien fis-sakra.
Intqal kif Schembri għandu problema bix-xorb, u għalhekk il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest.
Huwa nħeles fuq depożitu ta’ ħames mitt ewro u garanzija personali t’għaxart elef ewro, u ġie ordnat biex ma javviċina ebda xhieda.
Il-Qorti wissietu li jekk jerġa’ ma jagħtix każ l-ordnijiet tal-Qorti, jista’ jistenna pieni aktar ħorox.