Ġuvni ta’ 20 sena mill-Pieta inħeles mill-arrest wara li allegatament pparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ tifel minorenni u għamel kuntatt ma’ tifel ieħor sabiex jiltaqa’ miegħu għall-istess skop.
Il-każ seħħ bejn l-2013 u l-2015 fejn l-akkużat stess kien għadu minorenni. Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi fil-konfront tiegħu.
Fil-qorti tal-avukat tad-difiża qal li l-imputat għandu problemi psikoloġiċi u għaldaqstant l-qorti ħatret psikjatra sabiex il-qorti jkollha stampa aktar ċara tas sitwazzjoni.
Fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €10,000, il-ġuvni ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet fejn fost oħrajn speċifikat li l-imputat ma jistax isiefer mingħajr permess tal-qorti, irid jiffirma l-għassa bejn it-8 ta’ filgħodu u t-8 ta’ filgħaxija u ma jistax jersaq lejn il-lokalitajiet fejn jgħixu l-vittmi.
Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni kemm fuq l-akkużat kif ukoll fuq il-vittmi.