Christian Lawrence Desira ta’ 35 sena tressaq il-Qorti mixli li allegatament ikkawża ġrieħi lil Alin Mircea Ladariu mir-Rumanija u lil Luis Pierino Vargas Garcia mill-Kolombja.
Fil-Qorti nstema’ kif Desira jaħdem bħala xufier u fl-ewwel tas-sena rikkeb lil Garcia u Ladariu fil-karozza tiegħu. Jidher li ż-żewġt irġiel ma għoġbithomx it-triq li għażel li jieħu l-imputat u dawn ħarġu mill-karozza u kkawżaw ħsara fuq il-vettura.
Hawn Desira allegatament ħareġ martell min-naħa tax-xufier u ta daqqa fuq wara ta’ ras wieħed mill-passiġġieri. L-irġiel minnufih ħarbu minn fuq il-post għall-għassa ta’ San Ġiljan fejn ftit wara, daħal l-akkużat.
Meta d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, il-prosikuzzjoni nnutat li Desira seta’ jsuq sal-għassa u jirrapporta, iżda minflok għażel li jweġġa’ gravi lil passiġġier tiegħu.
Desira inħeles mill-arrest fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €3,000. Huwa ġie ordnat ukoll jiffirma fl-għassa taż-Żejtun darbtejn fil-ġimgħa u li ma jikkomunikax mall-vittmi u x-xhieda tal-każ.
Il-każ se jkun assenjat lil Maġistrat ieħor u se jkompli jimstema’ fil-futur.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/01/01/jindarab-gravi-wara-li-qala-daqqiet-ta-martell-fargument-fsan-giljan/