Raġel ta’ 60 sena nħeles mill-arrest wara li ma nstabx ħati li kkorompa tifla taħt l-età. Dan wara li l-Qorti tal-Appell qalet li l-każ kien preskritt u biddlet is-sentenza ta’ sentejn ħabs li ngħatat lir-raġel f’Jannar li għadda mill-Qorti tal-Maġistrati.
Il-Qorti tal-Appell qalet li filwaqt li temmen li t-tfajla pparteċipat f’atti sesswali mal-akkużat, iżda x-xhieda tagħha kienet vaga. L-Imħalles Consuelo Scerri Herrera qalet li l-vittma ma ppruvatx li kienet taħt l-età għax ma ppreżentatx iċ-ċertifikat tat-twelid fil-Qorti. Il-vittma naqqset ukoll milli tati dettalji ta’ kif seħħew l-inċidenti u qalet li f’ebda ħin ma ntużat il-vjolenza fil-konfront tagħha.
Skont dak li ntqal fil-Qorti, it-tifla kienet tgħix ma’ foster parents fiż-Żurrieq u kienet tmur Bormla għand nannitha fi tmiem il-ġimgħa. Hawnhekk, kienet tiltaqa’ mal-ġar li kien jagħmel xi xogħol ta’ tiswija fid-dar. Meta kellha bejn it-13 u s-16-il sena, kien allegat li l-ġar kien iġiegħlha tagħmel sess orali meta kienu jkunu waħdehom.
L-akkużat ammeta li dan tal-aħħar kien isir minħabba provokazzjoni mit-tfajla, iżda dawn l-inċidenti waqfu meta l-vittma kellha 16-il sena u bdiet tirrakkonta kollox lis-sieħeb tagħha. Minn hawnhekk ġew infurmati l-foster parents tal-vittma, u sar rapport lill-Pulizija.
Il-Qorti nnutt li r-raġel għandu fedina penali nadifa, u li għaddew ħames snin mill-laħħar każ. Din laqgħet l-appell tar-raġel u biddlet is-sentenza ħabs mogħtija lilu f’Jannar.