Raġel ta’ 40 sena li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti affaċċja akkużi ta’ vjolenza domestika meta l-Qorti fetħet b’urġenza l-Ħadd filgħodu. Ir-raġel ġie akkużat li tul żwieġ ta’ 16-il sena, uża vjolenza morali u psikoloġika kontra martu.
Il-Qorti semgħet kif fil-25 ta’ Novembru li għadda, l-imputat allegatament ħebb għal martu u kkawżalha xi ġrieħi wkoll.
L-akkużat talab għall-ħelsien mill-arrest, li ġiet milqugħa mill-Qorti abbażi ta’ diversi kundizzjonijiet.
Il-Qorti ordnat li r-raġel jinħeles mill-arrest, iżda ma jistax jersaq lejn martu jew lejn darha. Il-Qorti ċaħditu milli jsiefer, u rabtitu li jinforma l-pulizija jekk jibdel il-post fejn jgħix.
Hu kien ordnat ukoll iħallas depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €2,000, u li jrid jiffirma kull ġimgħa fl-għassa tal-Pulizija.
Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma.