Mahmoud El Tarawi ta’ ħamsa u sittin sena mill-Eġittu ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati li ta daqqa b’sikkina lil ibnu stess.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-Pulizija kienu rċevew rapport ta’ ġlieda f’dar f’Ħal Tarxien is-Sibt li għadda, u kien l-imputat li fetaħ il-bieb għall-Pulizija.
Fil-Qorti kompla jinstema, kif waqt l-interrogazzjoni, l-akkużat qal li ibnu kien se jgara siġġu lejh, u għalhekk qabad is-sikkina biex jiddefendi lilu nnifsu.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni, hekk kif innutat li l-imputat u ibnu jgħixu taħt l-istess saqaf.
Id-difiża stqarret li l-kunjata tal-akkużat kienet qed toffri li El Tarawi jgħix fi proprjetà tagħha f’Raħal Ġdid.
Il-Qorti laqgħet it-talba tal-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ erba’ mitt ewro u garanzija personali ta’ ħamest elef u mitt ewro, u ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur iben l-imputat.