Mark Cachia Zammit ta’ 25 sena minn Birżebbuġa inħeles mill-arrest wara li ġie mixli b’tixrid ta’ filmati sesswali fuq il-midja soċjali mingħajr kunsens tal-persuni li jidhru.
Il-filmati juru raġel u mara jkollhom x’jaqsmu flimkien fil-każin quddiem grupp ta’ persuni li jinstemgħu jħeġġuhom.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Kurt Farrugia, spjegat li fil-15 ta’ Settembru, il-Pulizija rċeviet rapport li kien hemm filmat qed jiċċirkola fuq il-midja soċjali li kien meħud fi klabb tal-boċċi f’Ħal Luqa.
L-imputat, Mark Cachia Zammit, allegatament kien qiegħed fuq il-post u ħa dawn il-filmati.
Il-Pulizija spjegat li tkellmu ma’ diversi persuni li kienu fuq il-post biex jaslu għall-imputat u x-xhieda għarfu lill-imputat minn leħnu u l-għada ġie arrestat fir-residenza tiegħu stess.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Id-Difiża mmexxija mill-Avukat Jason Azzopardi talbet għall-ħelsien mill-arrest fuq il-fatt li waqt li beda jiġi nterrogat, l-imputat qal li wara l-allegat każ, Mark ċempel lil wieħed mill-vittmi li deher fil-filmat u qallu li jiddispjaċih u saqsih kif inhu. Azzopardi kompla jispjega li l-imputat wieġeb mhux ħati għaliex il-filmati ma ttieħdux bil-moħbi għaliex evidentament kien qed jidher li qed jieħu l-filmat.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-fatt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejin u diversi persuni għadhom iridu jixhdu. Kompla jispjega li dan ir-reat jista’ jwassal sa massimu ta’ ħames snin ħabs.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat tal-Għassa Dr Natasha Galea Sciberras laqgħet it-talba tad-Difiża fuq diversi kundizzjonijiet. Il-Qorti ordnat lill-imputat li ma jersaq lejn l-ebda persuna li kienet preżenti waqt l-allegat reat.