Żagħżugħ ta’ 18-il sena ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li spiċċa arrestat u meħud il-Qorti b’rabta ma’ ġlieda li seħħet ilbieraħ f’Wied il-Għajn.
Mahmoud Mesto, ġuvni ta’ nazzjonalità barranija u residenti ż-Żejtun, ġie akkużat li lbieraħ għall-ħabta tas-2:00 ta’ filgħodu kkawża ħsarat f’vettura wara li waddab xi fliexken u kif ukoll ġebel waqt l-istess ġlieda. Hu ġie akkużat ukoll li waqt il-ġlieda darab ħafif raġel, kiser il-paċi pubblika, uża lingwaġġ mhux xieraq u li kien taħt l-effett tal-alkoħol.
Fil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli, Meso wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu.
Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest wara li l-avukat tal-għajnuna legali Yanika Bugeja argumentat li Mesto għandu status ta’ refuġjat u li ilu jgħix Malta għal dawn l-aħħar tliet snin filwaqt li għandu kondotta nadifa.
Min-naħa l-oħra, il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Josric Mifsud talbet għal ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tar-raġel li ndarab u l-familja tiegħu.
Il-Qorti ordnat li l-akkużat jitpoġġa taħt superviżjoni, li ma jagħmilx kuntatt max-xhieda, li jiffirma l-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa, li jħallas depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5000.