Joseph Micallef, ta’ 50 sena, minn Birkirkara ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb li mhux ħati li hedded raġel ieħor f’bar f’Birkirkara.
Fil-Qorti nstema’ kif allegatament tilef it-tempra tiegħu wara li xi ħadd qallu li xi ħadd ieħor kien qiegħed jiċċajta b’ħuh li kien miet. Allegatament beda jhedded lil wieħed mis-sidien tal-bar u ħareġ sikkina, iżda meta waslu l-Pulizija, is-sitwazzjoni kienet diġà kkalmat.
l-allegat vittma sostna mal-Pulizija li, fl-argument, Micallef beda jheddu bis-sikkina, iżda s-sitwazzjoni kkalmat meta n-nies li kien hemm fil-bar ferrquhom, u Micallef ġie arrestat ftit sigħat wara.
Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €3,500 u garanzija personali ta’ €7,500, u ġie ordnat iffirma kuljum f’għassa tal-Pulizija.
Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-allegat vittma.