Melbin Devassy, Indjan ta’ 35 sena, ingħata l-ħelsien mill-arrest, wara li tressaq il-Qorti, mixli li kkawża inċident tat-traffiku bi traskuraġni fi Triq l-Avjazzjoni, f’Ħal Luqa.
Huwa ġie mixli wkoll li saq mingħajr liċenzja tas-sewqan u polza tal-assigurazzjoni, minkejja li wieġeb mhux ħati għal dawn l-akkużi.
Fil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Elaine Rizzo, il-Prosekuzzjoni spejgat kif seħħ l-inċident bejn żewġ vetturi – bix-xufier tal-karozza l-oħra, raġel ta’ 35, li spiċċa jissielet għal ħajtu.
Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, liema talba sabet l-oġġezzjoni tal-Prosekuzzjoni, hekk kif hemm il-biżà li jista’ jaħrab.
Id-difiża wieġbet li l-imputat ilu jaħdem f’pajjiżna b’mod legali madwar sena u dejjem ikopera mal-Pulizija.
Il-Qorti tat il-ħelsien mill-arrest, ladarba ma jsifirx mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Qorti, u li jiffirma fl-għassa taż-Żejtun kuljum.
Huwa ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €5,000.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Kurt Farrugia, waqt li għall-akkużat dehru l-Avukati Francesca Zarb u Manuel Galea. Għall-parte civile qed jidher l-Avukat Roberto Spiteri.
Ritratt: PBS