Annise Bejaoui ta’ tlieta u tletin sena li jgħix iż-Żejtun tressaq il-Qorti, is-Sibt filgħodu, mixli li seraq senter minn għalqa fir-Rabat, fil-wieħed u tletin ta’ Lulju li għadda, u anki li kiser kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest.
Fil-Qorti, l-Avukat tal-għajnuna legali kkontesta l-validità tal-arrest, hekk kif sostna li l-imputat inżamm arrestat aktar minn tlett ijem.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li wara li ġie arrestat l-Erbgħa li għadda, l-imputat ingħata l-għajnuna medika l-isptar darbtejn.
F’digriet, il-Maġistrat tal-Għassa Josette Demicoli qablet mad-Difiża u rrimarkat li l-imputat inżamm arrestat aktar miż-żmien permess mil-liġi.
Il-Prosekuzzjoni spjegat kif il-Pulizija waslet għall-arrest tal-akkużat permezz ta’ filmati minn kameras tas-sigurtà.
Dwar il-każ li bih tressaq il-Qorti, l-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Qorti talbet lill-akkużat biex jattendi s-seduti li fiha l-Prosekuzzjoni se tibda tressaq l-evidenza fil-konfront tiegħu.