Ġuvni ta’ 14-il sena li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati li bejn il-lejl tat-23 u l-24 ta’ Lulju u fis-27 ta’ Lulju kkawża ġrieħi gravi fuq żewġ irġiel b’sikkina.
Fil-Qorti s-Sibt filgħodu nstema’ kif fl-ewwel allegat argument taż-żgħażugħ fl-24 ta’ Lulju, kien l-imputat stess li għamel ir-rapport lill-Pulizija.
Hawn intqal kif il-Pulizija kellhom biss il-verżjoni tal-imputat, iżda wara li l-allegat vittma ġie rilaxxat mill-isptar, dan kellu verżjoni differenti ferm tal-istorja. Il-Prosekuzzjoni spjegat ukoll li l-awtoritajiet saru jafu l-istorja tal-allegat vittma wara t-tieni allegat argument f’Ta’ Sliema.
Id-difiża appellat għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni minħabba n-natura gravi tal-akkużi u li l-allegati reati saru biss ftit ijiem ‘il bogħod minn xulxin.
L-akkużat ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet, fosthom li ma jistax isiefer jew javviċina x-xhieda u l-allegati vittmi.
Huwa ġie ordnat ukoll iħallas depożitu ta’ ħames mitt ewro u garanzija personali ta’ tliet elef u ħames mitt ewro.