Sirjan ta’ disgħa u għoxrin sena li jgħix Birżebbuġa tressaq il-Qorti fuq akkużi ta’ vjolenza domestika.
F’awla numru sitta, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Audrey Micallef spjegat li l-każ seħħ ilbieraħ, meta saru rapporti mill-imputat u mill-mara tiegħu, li t-tnejn marru l-għassa b’mod separat.
L-allegat każ seħħ fil-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa meta nqala’ argument li skont il-mara, żewġha kellu jidħol id-dar f’ħin partikolari u daħal iktar tard, allegatament taħt l-effett tal-alkoħol.
Hemmhekk beda argument, u l-vittma allegat li r-raġel qabadha minn għonqha, taha diversi daqqiet fuq wiċċha. L-Ispettur spjegat li l-ġrieħi m’għonq il-mara kienu viżibbli fejn anki dehru l-marki tas-swaba’ u fuq wiċċha, u ġiet riferuta għall-isptar għax allegat ukoll li gidimha f’imneħirha.
Allegat ukoll li għal xi ħin, sakkarha fil-kamra tas-sodda fejn jorqdu u ħa ċ-ċavetta.
Fl-istess residenza fejn seħħ il-każ, jgħixu wkoll oħt il-vittma, ir-raġel t’oħtha, u ħu l-imputat.
Sussegwentament, meta l-imputat fetaħ lill-mara, hija allegat li kompla jiġri warajha, qabadha minn idejha u kompla jsawwatha. X’ħin qaltlu li ħa ċċempel lill-Pulizija, ħadilha l-mobile minn idejha.
Il-verżjoni tal-imputat ittieħdet ukoll għax wasal qabilha l-għassa, fejn allega li hu wkoll sofra minn gidma f’subgħajh u waqt l-argument tatu daqqa fil-parti privata tiegħu. Fil-fatt, l-ispettur qalet li l-akkużi ħa joħorġu fil-konfront tagħha wkoll.
L-avukat difensur Dr Mario Mifsud spjega li ftit minuti qabel bdiet is-seduta, irċieva filmati xokkanti tal-allegata vittma li jitfgħu dubji fuq min kien il-vittma. Il-filmati, li ntwerew lill-Maġistrat fil-preżenza tal-Prosekuzzjoni wkoll, juru lill-mara b’sikkina kbira f’idejha.
L-avukat spjega li r-raġel kellu ċ-ċans juri dawn il-filmati lill-Pulizija iżda għażel li ma jurihomx għax jaf li jistgħu jpoġġu lill-mara f’periklu. Qal ukoll li jifhem il-kultura tal-akkużat, li jekk joħorġu dawn il-filmati li raġel qed jissawwat b’dan il-mod, iħossu umiljat.
L-Ispettur qalet li fl-ebda ħin ma ssemmiet arma, la mir-raġel u lanqas mill-mara, u ssemma biss li l-attakk fiżiku sar bl-idejn.
L-akkużat, permezz ta’ interpretu, wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u saret talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-istadju bikri tal-proċeduri u l-biża’ ta’ intralċ tal-provi.
Id-Difiża rrimarkat li l-filmati juru li anki jekk il-mara kienet ipprovokata, hi mhix in-nagħġa tas-sagrifiċċju iżda li, anzi, tiddefendi d-drittijiet tagħha b’mod qawwi u forsi anki barra mil-limitu tal-liġi, għax intużat arma kbira u bil-ponta.
L-avukat difensur reġa’ talab għall-ħelsien mill-arrest fid-dawl li fil-futur qrib, il-mara se tiġi akkużata hi wkoll b’akkużi simili, jew aktar gravi.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella, laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari ta’ dan il-każ, fuq diversi kundizzjonijiet, fosthom li ma jersaqx lejn Birżebbuġa, li ma jsifirx, li jiffirma f’għassa kuljum, li ma javviċinax lill-mara jew lix-xhieda f’dan il-każ, u li f’dan l-istadju ma jkellimx lil ħuh li jgħix fl-istess residenza fejn seħħ il-każ.
Huwa nħeles mill-arrest ukoll fuq depożitu ta’ tliet mitt ewro u garanzija personali ta’ ħmistax-il elf ewro.