Simon Borg ta’ 33 sena nħeles minn kull akkuża wara li tressaq il-Qorti akkużat li seraq minn numru ta’ vetturi f’diversi lokalitajiet bejn l-2005 u l-2011.
Hu nħeles mill-akkużi wara li l-marki tas-swaba li nstabu fuq tliet vetturi ma kkonvinċewx lill-Qorti li kienu biżżejjed bħala evidenza.
Waqt l-interrogazzjoni l-akkużat m’ammettiex fejn kull ma qal kien li ma jiftakarx u li ma jafx iżda ammetta li għal disa’ snin sħaħ kellu problema tad-droga li minħabba f’hekk ġieli seraq minn vetturi biex isostni l-vizzju.
Minkejja li l-marki tas-swaba qablu ma’ tal-akkużat, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, wara li qieset kollox hekk kif il-marki tas-swaba nstabu fuq barra tal-vetturi, ordnat li l-akkużat jinħeles minn kull akkuża.