Il-bank tal-ġudikaturi ta’ pajjiżna se jkompli jissaħħaħ permezz ta’ żewġ Maġistrati ġodda, li huma Dr Tanya Sammut u Dr Monica Borg Galea.
Dan seħħ wara li fil-31 ta’ Jannar 2025 saret sejħa pubblika mill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard għal ħatra ta’ żewġ maġistrati fil-Qrati Inferjuri ta’ Malta.
Fil-fatt, il-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura rċieva u għarbel tlieta u għoxrin espressjoni ta’ interess li kollha kienu eliġibbli biex jiġu kkunsidrati għal din il-kariga.
Is-Segretarju tal-Kumitat, is-Sur Frankie Mercieca ppreżenta rapport dettaljat lill-President ta’ Malta ta’ tliet kandidati li fil-fehma tal-Kumitat kienu l-aktar idonei u meritevoli sabiex minn dawn it-tliet kandidati jintgħażlu tnejn.
Wara proċess twil, il-President ħatret lil Dr Sammut u Dr Borg Galea bħala Maġistrati.
Il-President ferħet lill-ġudikanti ġodda u rringrazzjat lill-membri tal-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura għax-xogħol siewi u metikoluż li wettqu.=