Il-Maġistrati Doreen Clarke u Josette Demicoli nħatru mħallfin mill-President ta’ Malta.
Stqarrija mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta qalet li din l-għażla saret wara espressjonijiet ta’ interess għal dawn iż-żewġ kariġi f’Ottubru li għadda.
Ġie spjegat kif il-Kumitat għall-Ħatriet fil-Ġudikatura rċieva u għarbel b’kollox għoxrin espressjoni ta’ interess għal dawn iż-żewġ karigi fil-Qrati Maltin.
Nhar il-Ġimgħa li għadda, il-Kumitat ippreżenta lill-President ir-rapport dettaljat dwar il-kandidati li ġew irrakkomandati b’mod unanimu bħala idonei għal din il-kariġa.
Din iż-żieda fil-korp tal-ġudikatura hija parti minn proċess biex ikun hemm żewġ imħallfin u żewġ maġistrati ġodda. Dan il-proċess se jkompli jżid l-effiċjenza tal-Qorti u, apparti minn hekk, tissaħħaħ il-ġudikatura.
B’reazzjoni għal din l-aħbar, fuq il-midja soċjali, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard awgura liż-żewġ Imħallfin ġodda. Huwa rringrazzja lill-għoxrin persuna li ressqu espressjoni ta’ interess għal din il-kariġa u ħeġġiġhom biex ikomplu jkunu parteċipi fil-proċess ġudizzjarju.
Il-Ministru Attard qal li l-pass li jmiss huwa li jinħatru erba’ maġistrati ġodda u dan se jwassal biex pajjiżna se jkollu l-akbar numru ta’ ġudikanti fl-istorja tiegħu. Dan jikkonferma l-impenn tal-Gvern biex jiġi assigurat li l-ġustizzja ssir, tidher li qed issir, u ssir fi żmien raġonevoli.