Il‑Konferenza Episkopali Maltija ħatret lil Dun Dr Carl‑Mario Sultana bħala Delegat għall‑Edukazzjoni Reliġjuża u lil Dun David Torpiano bħala Delegat għall‑Katekeżi.
Dun Dr Carl‑Mario Sultana studja fl‑Università ta’ Malta u fl‑Università Pontifiċja Salesjana f’Ruma fejn speċjaliżża fil‑Pastorali maż‑Żgħażagħ u l‑Kateketika. Huwa lettur anzjan fil‑Fakultà tat‑Teoloġija fi ħdan l‑Università ta’ Malta u ilu jgħallem l‑Edukazzjoni Reliġjuża u l‑Kateketika mill‑2007. Fl‑2017 nħatar Kap tad‑Dipartiment tat‑Teoloġija Pastorali, Liturġija u Liġi Kanonika fl‑istess Fakultà.
Il‑missjoni tad‑Delegat għall‑Edukazzjoni Reliġjuża tkopri dak kollu li għandu x’jaqsam mal‑Edukazzjoni Reliġjuża bħala suġġett li jiġi mgħallem fl‑iskejjel tal‑Istat, tal‑Knisja u Indipendenti. Flimkien mal‑Uffiċjali Edukattivi għat‑Tagħlim tar‑Reliġjon fi ħdan il‑Ministeru tal‑Edukazzjoni, id-Delegat għall‑Edukazzjoni Reliġjuża jfassal u jħejji programmi ta’ tagħlim u sillabi biex jiġu mgħallma fl‑iskejjel u jingħata taħriġ speċjalizzat lill‑għalliema tar‑Reliġjon biex dan it‑tagħlim jibqa’ jingħata bl‑aħjar mod possibbli.
Intant, Dun David irċieva l formazzjoni tiegħu għall ħajja saċerdotali fis Seminarju tal Arċisqof f’Tal Virtù, u l formazzjoni akkademika tiegħu fil Fakultà tat Teoloġija, fl Università ta’ Malta fejn kiseb Liċenzjat fit Teoloġija Pastorali. Ġie ordnat saċerdot fit 3 ta’ Lulju 2011. Aktar tard, kiseb Liċenzjat fil Kateketika mill Università Pontifiċja Salesjana u Dottorat fit Teoloġija Fundamentali mill Università Pontifiċja Gregorjana, it tnejn f’Ruma, l Italja. Huwa serva fil parroċċa ta’ Santa Katarina fiż Żurrieq u fil preżent qed jagħti s sehem tiegħu fil parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu fil Belt Valletta, u bħala Segretarju tal Kunsill Presbiterali.
Id‑Delegat għall‑Katekeżi għandu l‑missjoni li jikkordina u janima l‑ħidma kateketika, mit‑tfulija sa tul il‑ħajja kollha, li ssir fl‑Arċidjoċesi ta’ Malta, b’mod partikolari fil‑familja, fil‑parroċċi u fil‑komunitajiet Insara.