Erba’ persuni nħatru Imħallfin mill-President ta’ Malta George Vella.
Tnejn minnhom bħalissa qed iservu bħala Maġistrat, jiġifieri Dr Neville Camilleri u Dr Audrey Demicoli.
Iż-żewġ persuni l-oħra li nħatru ġudikanti wara sejħa pubblika huma Dr Christian Falzon Scerri u Dr Ian Spiteri Bailey.
Waħda mir-riformi Kostituzzjonali ewlenin li twettqu fl-aħħar sena kienet tinkludi r-riforma fil-metodu tal-ħatra ta’ Imħallfin u Maġistrati ġodda.
Fil-fatt għall-ewwel darba fl-istorja, il-proċess ta’ ħatra ta’ ġudikanti ġodda kien wieħed indipendenti mill-Gvern u tmexxa b’mod trasparenti mill-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura, presedut mill-Prim Imħallef.
Dan il-Kumitat skrutinja l-applikanti u ssuġġerixxa lista tal-aktar kandidati idonji lill-President ta’ Malta u dan għażel min minnhom għandu jinħatar bħala Imħallef.
Fil-fatt il-President tar-Repubblika ppubblika lista tal-kandidati kollha idonji wara li ġew skrutinizzati.
Dawn huma Dr Michael Camilleri, il-Maġistrat Doreen Clarke, il-Maġistrat Josette Demicoli, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, il-Maġistrat Charmaine Galea, il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, u l-Maġistrat Gabriella Vella.
Il-Gvern kien spjega li minħabba li kien hemm possibbiltà li Maġistrati attwali japplikaw biex isiru Imħallfin, il-Gvern se jkun qed joħroġ sejħa pubblika għall-ħatra ta’ Maġistrati ġodda.
L-għan aħħari se jkun li jiżdiedu erba’ Maġistrati ġodda man-numru attwali ta’ wieħed u għoxrin.
Bil-ħatra ta’ dawn l-Imħallfin u eventwalment Maġistrati ġodda, fil-bank tal-ġudikatura, f’Malta se jkun hemm l-ikbar numru ta’ ġudikanti li qatt servew fl-istorja tal-Qrati tagħna.
B’hekk issa, minbarra l-Prim Imħallef, pajjiżna mistenni jkollu erbgħa u għoxrin Imħallef u ħamsa u għoxrin Maġistrat.
Intant fuq Twitter il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ l-ħatra ta’ erba’ Imħallfin ġodda.
Dr Abela sostna li dan il-metodu ta’ ħatra jikkonferma l-ħidma li qed jagħmel il-Gvern biex isaħħaħ il-governanza t-tajba u s-saltna tad-dritt f’pajjiżna.