F’ċerimonja li saret dalgħodu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Floriana, 29 uffiċjal ġew ippreżentati biċ-ċertifikati tal-ħatra fil-grad ta’ Spettur tal-Pulizija. Erbgħa mill-uffiċjali ħadu l-ġurament bħala membri ġodda tal-Korp tal-Pulizija. B’kollox inħatru 25 raġel u 4 nisa.
Iċ-ċerimonja kienet ippreseduta mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Dr Byron Camilleri u mill-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà.
Il-Ministru Byron Camilleri, waqt li awgura lill-Ispetturi ġodda għal dan il-kapitlu ġdid fil-karriera tagħhom, qal li dan huwa żmien eċitanti għall-Korp tal-Pulizija hekk kif qed isiru bidliet biex ikun Korp aktar modern u effiċjenti biżżejjed biex jopera fis-soċjetà tal-lum.
Il-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà, f’kelmtejn tal-okkażżjoni qal li din il-ġimgħa ħarġet l-aħbar li l-fiduċja fil-Korp tal-Pulizija kompliet tiżdied u skont l-aħħar stħarriġ tal-Eurobarometer, illum 60% tal-popolazzjoni tafda lill-Korp, żieda ta’ 11% minn minn sena ilu.
Is-Sur Gafa qal li bil-ħatra tal-ispetturi ġodda, il-Korp tal-Pulizija se jkompli jssaħħaħ diversi taqsimiet u jitwaqqfu taqsimiet ġodda. Qal ukoll li għall-ewwel darba żewġ fizzjali ġew inkarigati mit-tmexxija tal-Pulizija għall-Komunità.