F’ċerimonja li saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija ngħataw il-ġurament tal-ħatra tmintax-il kuntistabbli ta’ riserva, 12-il raġel u sitt nisa.
Dawn huma uffiċjali li kienu servew fil-Korp tal-Pulizija jew membri ta’ xi Korp dixxiplinat ieħor u llum urew ix-xewqa li jingħaqdu mill-ġdid mal-Korp.
Dawn il-kuntistabbli ngħataw taħriġ fl-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati f’Ta’ Kandja u kien jinkludi fost oħrajn taħriġ dwar ix-xogħol tagħhom bħala uffiċjali tal-Pulizija, fuq proċeduri ta’ kontroll u trażżin, l-użu tal-armi, tagħrif dwar il-Pulizija tal-Komunità, l-etika, customer care, il-kommunikazzjoni, kif ukoll dwar il-vjolenza domestika u l-vittmi, il-liġi kriminali, id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u kors fl-ewwel għajnuna, fost oħrajn.
Preżenti għal din il-ġurament tal-ħatra kien hemm il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri li fakkar li r-reklutaġġ tal-Pulizija ta’ Riserva hu immirat biex isaħħaħ is-servizzi li l-Korp jagħti lin-nies u biex jissoda aktar il-fiduċja qawwija li teżisti fil-Korp.
Hu qal li llum il-ġurnata, bis-saħħa tal-ftehim settorjali l-ġdid, il-Pulizija raw il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-kumpens finanzjarju jitjiebu ferm tant li anki l-Pulizija ta’ Riserva sar għandhom dritt għal class allowance għal gradi rispettivi tagħhom.
Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li bir-reklutaġġ ta’ Kuntistabbli tar-Riserva, il-Korp tal-Pulizija se jkompli jagħti servizz professjonali lill-pubbliku, hekk kif qegħda dejjem tissaħħaħ il-fiduċja tan-nies fil-Korp u dan huwa rifless f’diversi stħarriġ li sar.
Il-Kummissarju rringrazzja lil dawn il-Kunstabbli tar-Riserva, li minkejja li wħud minnhom anke telqu żmien ilu, għażlu li jirritornaw u tenna li dan juri li “once a police officer, always a police officer.”