Il-Green Bonds, li ħarġet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma nhar is-Sibt li għadda, fl-ammont €25 miljun, inħatfu fi ftit sigħat.
Dawn il-fondi, li għandhom l-għan li jiffinanzjaw proġetti ekoloġiċi fil-pajjiż, huma l-ewwel tax-xorta tagħhom u se jkunu qed jimmaturaw fi żmien għaxar snin b’rata ta’ imgħax ta’ 4.25%.
Fi stqarrija, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma sejħet dan l-iżvilupp bħala kisba notevoli li tixhed il-fiduċja qawwija tal-investituri fl-impenn għas-sostenibilità u fl-ekonomija ħadra ta’ pajjiżna.
Il-fondi miġburin se jintużaw biex jiffinanzjaw diversi proġetti ħodor, inkluż l-impjant tar-reverse osmosis, solar farms, titjib fl-effiċjenzi tal-kontijiet u infrastruttura tan-network tal-ilma, fost oħrajn.
Fl-istqarrija ngħad li s-suċċess tal-ħruġ ta’ Green Bonds jimmarka kapitlu ġdid fil-vjaġġ tas-sostenibilità tal-Korporazzjoni u joħloq preċedent għal kumpaniji oħrajn f’Malta u lil hinn.
Fuq Twitter, il-Prim Ministru Robert Abela sostna dan l-interess qawwi bħala kisba importanti għal pajjiżna. Dr Abela saħaq li din l-inizjattiva ssostni l-impenn tal-Gvern għas-sostenibilità u tpoġġi lil pajjiżna bħala leader fil-finanzjament ta’ proġetti ambjentali.
Today marks a significant milestone for Malta as @WSCMalta's first-ever Green Bonds, amounting to €25 million, were fully subscribed within hours. This initiative underscores @MaltaGov's commitment to sustainability and positions 🇲🇹 as a leader in green finance. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) August 1, 2023
Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Karl Cilia, sostna li din il-konkorrenza kbira hi prova tal-fiduċja li l-investituri għandhom fl-impenn tal-korporazzjoni għas-sostenibilità.
Qal, “Qegħdin ninvestu f’seba’ siti, f’seba’ solar farms, li bihom qed ngħinu l-produzzjoni tal-ġenerazzjoni tal-elettriku. Ma ninsewx li aħna waħda mill-aktar entitajiet fil-pajjiż li nikkonsmaw elettriku. Ovvjament aħna, b’dawn il-fondi, qed niżguraw li jkollna sors alternattiv ta’ elettriku. Magħhom dawn se jkollna wkoll sistema avvanzata, teknoloġija ġdida li biha se nkunu qed nittrattaw id-drenaġġ – teknoloġija li se nkunu qed naraw li nittrattaw id-drenaġġ bl-aktar mod effettiv possibbli.”
Dan filwaqt li l-Ministru responsabbli mill-Enerġija, Miriam Dalli, faħħret din l-inizjattiva.
Qalet, “Huwa ta’ sodisfazzjon enormi li l-ewwel darba li nħarġu l-Green Bonds fil-pajjiż, inħarġu proprju mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Fil-fatt, dan l-investiment kollu jmur f’dawk il-proġetti li huma ambjentalment sostenibbli u jqawwilna qalbna li nkomplu mexjin aktar lejn din id-direzzjoni.”