Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, Clint Camilleri, laqqa’ għall-ewwel darba f’din il-leġiżlatura l-kumitat ġdid li nħatar dwar il-ħarsien tal-annimali (Animal Welfare Committee). Dan intqal fi stqarrija li ħarġet għall-istampa. L-irwol ta’ dan il-kumitat hu li jevalwa u joħroġ bi proposti u jagħti rakkomandazzjonijiet sabiex f’pajiżna jkompli jitjieb il-ħarsien tal-annimali. Fil-fatt fl-ewwel laqgħa kienu diskussi numru ta’ ideat u proposti u kienu elenkati l-oqsma ta’ prijorità li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien tal-annimali.
Is-Segretarju Parlamentari, Clint Camilleri, tenna l-importanza tad-djalogu bejn l-Animal Welfare u l-għaqdiet mhux governattivi li jieħdu ħsieb il-ħarsien tal-annimali, filwaqt li saħaq fuq l-impenn tal-Gvern biex iwettaq il-wegħdiet elettorali u jilħaq l-għanijiet tiegħu f’dan is-settur.
Dan il-Kumitat li huwa magħmul minn diversi persuni li għandhom l-esperjenza fejn jidħol il-qasam tal-ħarsien tal-annimali se jibda jiltaqa’ b’mod regolari. Il-Kumitat huwa kompost minn 12-il membru: iċ-Chairperson Nevise Borg Caligari, il-membri Dr Roberto Andrea Balbo, Noel Montebello, Janice Falzon, Dr Sabrina Bonnici, Dr Jurgen Galea, Dr Robert Schembri, Joe Camenzuli, Simone Buhagiar, Moira Delia, Shaun Pete Azzopardi u George Fenech.
Iċ-Chairperson Nevise Borg Caligari wriet l-impenn tagħha u tal-Kumitat li jaħdmu id f’id għall-ġid tal-ħarsien tal-annimali, kemm permezz ta’proposti li jressqu kif ukoll billi jkomplu jedukaw dejjem aktar lill-pubbliku inġenerali.