Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri jilqa’ l-ħatra ta’ Dr Carl Brincat bħala l-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-Awtorità Maltija għal-Logħob. Il-ħatra ssegwi proċess rigoruż wara li ħarġet sejħa pubblika f’Diċembru tas-sena li għaddiet.
Din kienet l-ewwel darba li l-kap eżekuttiv ġie magħżul permezz ta’ proċedura ta’ sejħa pubblika kif irrakkomanda l-Ministru Schembri stess.
Dr Carl Brincat huwa avukat u qabel kien jokkupa l-kariga ta’ uffiċjal responsabbli mill-affarijiet legali u l-infurzar fi ħdan l-Awtorità Maltija għal-Logħob. Ilu għall-aħħar sitt snin jaħdem fi ħdan l-Awtorità u kien ukoll parti mit-team strateġiku tal-Awtorità, minn kumitati għoljin fejn għandu x’jaqsam il-qasam regolatorju kif ukoll parti mit-team li mexxa ’l quddiem il-bidla fil-liġi dwar il-qafas regolatorju tal-logħob li daħlet fis-seħħ fl-2018.