Il-Kaptan Clifford Chetcuti huwa l-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-Air Malta.
Permezz ta’ stqarrija, il-linja tal-ajru nazzjonali ħabbret kif Chetcuti se jkun qed jieħu post Joseph Galea li kien Aġent Kap Eżekuttiv tal-Air Malta.
Is-Sur Chetcuti, li jgħodd ħamsin sena għandu esperjenza kbira fil-qasam tal-avjazzjoni.
Huwa beda bħala bdot tal-Air Malta u aktar tard ħadem mal-Emirates u kien responsabbli mit-taħriġ tal-kadetti biex itajru l-ajruplani tal-kumpanija tal-ajru tal-Emirati Għarab Magħquda.
Huwa kien anki l-bdot li tar fuq it-titjira inawgurali bejn New York u Dubai.
Dan l-aħħar kien il-Viċi-President tal-Qatar Airways u kien responsabbli ta’ erbat elef pilota.
F’kummenti li ta dan l-istazzjon ftit wara li sar magħruf li huwa l-Kap Eżekuttiv il-ġdid, Clifford Chetcuti li huwa Malti li għamel isem għal pajjiżna lil hinn minn xtutna saħaq fuq il-prioritajiet tiegħu għall-Air Malta.
Chetcuti qal “Ninsab anzjuż biex niġi f’Malta ħalli nibda nitkellem mal-membri tal-istaff tal-Air Malta. Insaħħu l-partnership mal-unjins u ma’ nies relatati fl-industrija biex hekk kif brand Malta qed tieħu qabża ‘l quddiem fl-isfera internazzjonali, l-istess naraw il-brand tal-Air Maltażżomm l-istess pass.”
Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li l-għażla ta’ Chetcuti saret bil-għan li l-Air Malta ttejjeb l-operat tagħha fl-aħjar interess tal-konsumatur.
Il-Ministru Mizzi qal kif “Flimkien man-Nutar Charles Mangion, iċ-Chairman tal-Air Malta ddeċidejna li nengagejaw a CEO, a Chief Executive Officer li jiffoka fuq l-operat tal-kumpanija. F’dawn l-aħħar xhur ħdimna ħafna fuq l-istrateġija tal-futur tal-Air Malta fejn se jniedu l-airline tal-Mediterran, li hija ffukata on a growth base strategy u ħdimna ħafna on the commercial dimensions. Wasal iż-żmien issa li niffukaw aktar fuq l-operat biex issir trasformazzjoni sħiħa tal-operat minn meta klijent jagħmel booking mal-Air Malta sa meta prattikament jasal id-dar.”