Wara proċess ta’ għażla, inħatar Kunsill ġdid tal-bord tal-Kunsill Malti għas-settur tal-Volontarjat, l-MCVS, għall-perjodu 2023-2025.
Dawn il-membri ġew magħżula mill-membri tal-għaqdiet volontarji stess.
Waqt l-ewwel laqgħa tal-Kunsill, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarji u Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli ppreżentat lill-membri l-ġodda bl-ittra ta’ ħatra.
“B’kollox l-investiment ta’ €1.34 miljun li se nkunu qed ninvestu fl-għaqdiet volontarji tagħna, u bi pjaċir li niltaqa’ mal-Kunsill ġdid li se jkun qed jaħdem fuq il-ħidma għat-tliet snin li ġejjin.”
Hija awgurat lill-membri għall-ħatra tagħhom, filwaqt li aċċennat għall-investiment li l-Gvern se jagħmel f’dan is-settur din is-sena.
Dan l-investiment se jservi biex jkompli jsaħħaħ is-settur, sabiex dan jibqa’ wieħed mill-pilastri soċjo-ekonomiċi ewlenin ta’ pajjiżna.
L-għan tal-Kunsill Malti għas-settur tal-Volontarjat, huwa li jappoġġja lill-organizzazzjonijiet volontarji lokali, minn kull fora tas-soċjetà, permezz ta’ networking, taħriġ, tisħiħ tal-ħiliet, inizjattivi ta’ finanzjament u ħolqien ta’ kuxjenza.
Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Nancy Caruana u l-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-settur tal-Volontarjat Mauro Pace Parascandalo.
Pace Parascandolo spjega kif il-ħidma tal-kunsill, se tkun iffukata biex tgħin lis-settur.
“Għall-ewwel darba ltaqa’ l-Kunsill tal-Volontarjat, Kunsill Ġdid illi ħa jkun terminu ta’ tliet snin, b’tali mod li issa jibda l-ħidma tiegħu għas-settur tal-volontarjat biex naraw f’dawn it-tliet snin il-ħidma x’ħa tikkonċerna, u l-konċentrazzjoni tkun fl-għajnuna tas-settur tal-volontarjat, kemm f’dik li hija kapaċità, taħriġ u anke skemi.”