Qed tkompli tikber il-pressjoni fuq il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, biex tiddistanzja ruħha minn ftehim li sar wara bibien magħluqa bil-ħsieb li ċ-Chief of Staff kontroversjali tagħha, it-Taljan Alessandro Chiocchetti, jinħatar bħala s-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-Parlament.
Fil-ġimgħat li għaddew, il-midja Ewropea rrappurtat dwar manuvri li qed isiru mill-President tal-Partit Popolari Ewropew, Manfred Weber, u minn Roberta Metsola, biex Chiocchetti jitpoġġa fl-ogħla kariga amministrattiva tal-Parlament f’dak li qed jiġi deskritt bħala eżerċizzju ta’ “nepotiżmu sfaċċat” li dwaru Metsola ġiet ikkritikata bil-kbir.
Iċ-Chief of Staff ta’ Roberta Metsola kien l-assistent ta’ Marcello Dell’Utri, li kien politiku Taljan u l-id il-leminija ta’ Silvio Berlusconi u li nstab ħati u ntbagħat seba’ snin ħabs minħabba rabtiet mal-mafja ta’ Sqallija. Lil Chiocchetti qed issirlu kritika qawwija li mhux ikkwalifikat għall-irwol ta’ Segretarju Ġenerali.
Wara li ftit tal-jiem ilu ħarġet tikkritika lil Metsola d-deputat parlamentari Ewropea Olandiża Sophie in ‘t Veld, il-ġurnal awtorevoli POLITICO rrapporta li issa Heidi Hautala, membru tal-Bureau tal-Parlament Ewropew – l-organu setgħani li jieħu d-deċiżjonijiet fuq il-materji amministrattivi, tal-istaff, u organizzattivi kollha – ħeġġet lil Metsola biex tikkunsidra mill-ġdid dak li rreferiet għalih bħala l-impenn tagħha lejn l-integrità u d-dinjità tal-Parlament Ewropew. “Qed niktiblek bi tħassib kbir, għax inħoss li xi ftit minn dik id-dinjità diġà ntilfet,” wissietha Hautala, li hija eks Ministru Finlandiża rrispettata ħafna minn politiċi ta’ kull lewn politiku.
Hautala kitbet lil Metsola: “Wieħed jista’ jħoss, f’dan il-mument, tip ta’ ‘rivoluzzjoni tad-dinjità’. Din titlob għal proċeduri ġusti għall-ogħla ingaġġi u għal għażla vera bejn diversi kandidati kkwalifikati.
Il-ftehim li ntlaħaq bejn il-Partit Popolari Ewropew, li tagħmel parti minnu Metsola, u żewġ gruppi oħrajn fil-Parlament, biex Chiocchetti jinħatar Segretarju Ġenerali u, bi tpattija, jinħoloq fil-Parlament Ewropew direttorat ġenerali ġdid li mhux jinftiehem x’inhu l-bżonn tiegħu “imur kontra dan l-ispirtu,” kitbitilha Haula. “Id-deċiżjoni li jinħoloq direttorat ġenerali ġdid għas-sħubiji parlamentari ttieħdet bl-għaġġla u mingħajr valutazzjoni tal-impatt li kien jixraq li ssir.” Dan id-direttorat ġenerali ġdid ifisser li l-Parlament Ewropew se jkollu jħallas f’pagi ġodda eluf kbar ta’ flejjes aktar, fi żmien meta diversi Stati membri tal-UE qed ikollhom jissikkaw iċ-ċintorin minħabba l-isfidi ekonomiċi li qed tħabbat wiċċha magħhom l-Ewropa bħalissa.
Min-naħa tagħha, Roberta Metsola kitbet lura lil Hautala, u qaltilha li tinsab sorpriża bl-insinwazzjonijiet tagħha minkejja li kienet parti mill-proċess fil-Bureau tal-Parlament. Hija staqsietha għaliex ma qajmitx l-allegazzjonijiet waqt il-laqgħat tal-Bureau minflok għamilthom f’ittra miftuħa u pubblika. Fl-ittra tagħha, Metsola ddefendiet il-ħatra taċ-Chief of Staff tagħha bla ma semmietu b’ismu, u ddskrivietu bħala persuna li tissimbolizza “l-bidla ġenerazzjonali”.
Intant, il-President tal-Grupp tax-Xellug fil-Parlament Ewropew, Manon Aubry, qalet li tkexkxet b’kif l-amministrazzjoni tal-Parlament qed tiġi ppolitiċizzata, għalkemm tat ’il wieħed x’jifhem li, ladarba dan hu l-mod kif qed isiru l-affarijiet f’din l-istituzzjoni, il-grupp politiku tagħha jrid jilgħab il-logħba.
“Għandna problema bil-politiċizzazzjoni tal-karigi,” qalet Aubry lill-POLITICO. “M’għandux ikun hekk; din hija xi ħaġa problematika għall-aħħar.”
Intant, sorsi fil-Grupp tax-Xellug qalu lill-ġurnal li diversi deputati Ewropej mill-grupp huma mdejqin li saru jafu dwar il-ftehim li ntlaħaq wara bibien magħluqa mill-grupp tagħhom stess mal-grupp tal-Partit Popolari Ewropew mir-rapporti fil-midja, u talbu li ssir laqgħa straordinarja tal-Grupp.
Mhux hekk biss: għadd kbir ta’ diplomatiċi tkellmu mal-POLITICO wara laqgħa tal-Ambaxxaturi tal-Istati membri tal-UE. Għamlu dan biex jenfasizzaw li l-Istati membri kollha huma mxebbgħin fit-talbiet tal-Parlament Ewropew għal aktar flus. Fost iż-żidiet fil-Baġit li qed jitlob il-Parlament, hemm dawk biex ikopri l-ħolqien ta’ 52 kariga ġdida u 116-il assistant parlamentari addizzjonali.
Il-ġurnal irrapporta li diplomatiċi qalu li l-pajjiżi kollha huma rritati bil-Parlament Ewropew. Huma qalu li d-differenza bejniethom hija biss dwar liema strateġija għandha tiġi adottata. Il-maġġoranza tal-Istati membri ma jaqblux li jiġi imblukkat il-Baġit tal-Parlament iżda jippreferu li jinsistu għal tnaqqis waqt in-negozjati mal-Parlament aktar tard matul is-sena.