“F’dan il-Budget il-Gvern kompla jsostni l-impenn li għandu sabiex joffri kwalità ta’ ambjent aħjar għal pajjiżna. L-immaniġġjar tal-iskart u l-ħarsien tal-kapital naturali ta’ pajjiżna reġgħu ħadu spinta ’l quddiem fejn ġew allokati r-riżorsi finanzjarji meħtieġa sabiex inwettqu l-viżjoni tal-Gvern f’dawn l-oqsma partikolari.” Dan qalu l-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera waqt li kien qed jindirizza konferenza stampa dwar l-inizjattivi ambjentali fil-Budget 2018.
Il-Ministru spjega li fl-immaniġġjar tal-iskart il-Gvern qed jaħdem fuq tliet miżuri importanti. Qed issir ħidma sabiex pajjiżna jkompli jinvesti f’sistemi aktar moderni biex jiġi mmaniġjat l-iskart tal-pajjiż b’faċilità ġdida li hija mistennija li tkun lesta sas-sena 2023 u li ser ikun qed ifisser investiment ta’ madwar mija u ħamsin miljun ewro. Il-Gvern beda l-proċess ukoll sabiex f’pajjiżna tiddaħħal skema magħrufa aktar bħala l-Beverage Container Refund Scheme, fejn din l-iskema toffri mezz kif kontenituri tax-xorb ikunu jistgħu jinġabru u jiġu depożitati f’magni għal tal-apposta fejn il-persuna tingħata rifużjoni lura wara li dak l-ammont ikun tħallas meta jkun inxtara l-prodott. Fl-istess waqt, il-proġett tal-ġbir tal-iskart organiku ser jiġi estiż ma’ Malta kollha.
Il-Ministru sostna li dawn it-tliet miżuri ser iwassluna sabiex nagħmlu pass ieħor ’l quddiem f’dan il-qasam mingħajr ma naqtgħu lura f’inizjattivi mmirati sabiex inkomplu nżidu r-rata ta’ riċiklaġġ f’pajjiżna, kif ukoll nesiġu fuq il-pubbliku sabiex isir is-seperazzjoni tal-iskart.
Il-Ministru ħabbar illi inħareġ tender sabiex jiġi fformulat il-business plan għat-twaqqif ta’ Ambjent Malta sabiex jiġu lkonsolidati l-isforzi ewlenin li jsiru f’dan il qasam taħt kappa waħda sabiex primarjament jiġu mmaniġjati siti naturali eżistenti, jiġu implementati il-management plans tas-siti Natura 2000, kif ukoll tiġi promossa l-preservazzjoni, il-konservazzjoni u t-titjib tal-ambjent naturali tagħna.
F’dak li jirrigwardja siġar, parks, widien u ġonna, il-Ministru Herrera spjega li f’dan il-Budget ser inkunu qegħdin iwettqu wegħda elettorali oħra, dik li tinżera siġra għal kull wild li jitwieled jew titwieled, fejn ser jitħawwlu mal-4000 siġra indiġina addizzjonali madwar il-pajjiż. Fl-istess waqt ser tkompli l-ħidma fuq ir-restawr u l-manutenzjoni ta’ Ġnien l-Għarusa tal-Mosta, ir-restawr tal-Argotti, upgrading tal-picnic area f’Ta’ Qali, u r-restawr ta’ parti mill-Foss ta’ Ħaż-Żabbar, fost oħrajn. Ser jitkompla wkoll it-tindif u r-rijabilitazzjoni tal-widien fejn wara biss l-ewwel ftit ġimgħat ta’ ħidma konġunta bejn diversi entitajiet diġà tneħħa ’l fuq min 300 metru kubu ta’ skart.
Il-Ministru ħabbar li s-sena d-dieħla se jibdew ix-xogħlijiet sabiex issir estenzjoni fil-parkta’ Kennedy Grove u s-Salina, liema estenzjoni huwa maħsub li tkopri medda ta’ art ’l fuq minn 7500 metru kwadru.
“Hekk kif irrimarkjat diversi drabi, il-Gvern impenjat bis-sħiħ sabiex iżid l-infurzar ambjentali, għaldaqstant f’dan il-Budget rajna aktar impenn lejn l-infurzar”, sostna Dr Herrera. Hekk kif ġie mħabbar, ser jitwaqqaf direttorat li jinvestiga reati ambjentali fi ħdan l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, fejn ser ikollu s-saħħa li jinvestiga u jipprosegwixxi reati relatati mal-ambjent.
“Il-ħidma tal-Gvern f’dan il qasam ser tkompli ttejjeb il-kwalità ta’ ħajja li qegħdin jgħixu fihom il-Maltin u Għawdxin filwaqt illi nippreparaw lil pajjiżna b’infrastruttura illi tara lil Malta lesta tilqa’ l-isfidi tal-futur”, kkonkluda l-Ministru Herrera.