Fil-jiem li għaddew l-Aġenzija Identity Malta ħarġet l-400,000 passaport lil ċittadini Maltin. Hu kkalkulat li sal-aħħar ta’ din is-sena kull passaport b’data valida jkun biometriku. Biex tfakkar dan il-mument sinifikanti, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi Julia Farrugia Portelli ppreżentat tifkira tal-okkażjoni lis-Sinjura Michelle Guisti li nzertat l-erba’ mitt elf persuna li applikat biex iġġedded jew tagħmel passaport ġdid.
Identity Malta tipproċessa mal-40,000 passaport fis-sena, medja ta’ 3,300 passaport fix-xahar. F’dawn l-aħħar xhur, Identity Malta ħadmet bi sħiħ biex tissimplifika l-proċess u llum ’il ġurnata applikazzjoni tieħu inqas minn 15-il minuta biex tiġi pproċessata. Dan filwaqt li jittieħdu l-miżuri kollha ta’ sigurtà meħtieġa, inkluż il-finger prints tal-applikant u kontrolli interni oħra. Wara dan il-proċess delikat, Identity Malta timpenja ruħha li l-passaport ikun jista’ jinġabar mill-klijent wara erbat ijiem .
Bħalissa għaddejja wkoll ħidma intensiva biex sa tmiem din is-sena, il-passaporti Maltin isiru kollha biometriċi. Dan ifisser li d-dokument tal-passaport isir aktar sigur u jagħti vantaġġ liċ-ċittadini Maltin biex jużaw faċilitajiet awtomatiċi li jinsabu f’diversi ajruporti madwar id-dinja. Dawn il-faċilitajiet jivverifikaw il-passaporti b’mod awtomatiku.
Bħalissa ċ-ċittadini Maltin, fosthom is-Sinjura Giusti nnifisha, qed jibbenefikaw minn offerta valida sal-aħħar ta’ Marzu u jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ €10 fuq kull passaport. Familja b’żewġ adulti u żewġt itfal ta’ aktar minn 16-il sena jiffrankaw total ta’ €40 jekk japplikaw jew iġeddu l-passaport tagħhom bejn Settembru u Marzu.