Id-Dipartiment tas-Saħħa ħareġ sejħa b’tender għall-estensjoni taċ-ċimiterju Omm tal-Ħniena fil-Mellieħa.
Fil-preżent, iċ-ċimiterju fil-Mellieħa għandu 84 qabar u l-proġett propost se jwassal għal 76 qabar ġdid.
Il-proġett se jinkludi wkoll xogħlijiet ta’ manutenzjoni, kif ukoll xogħlijiet ta’ tisbiħ u r-restawr tal-kappella. Il-proġett mistenni jiswa mal-€400,000.
F’kummenti li ta, id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fakkar li dan hu proġett ieħor ta’ tkabbir f’ċimiterju tal-Gvern, bi proġett ieħor għaddej fiċ-ċimiterju tal-Addolorata.
Il-proġett taċ-ċimiterju tal-Addolorata se jinvolvi estensjoni ta’ 2,880 qabar ġdid kif ukoll immaniġġjar tal-post u restawr estensiv.