Ġie ppubblikat it-tender għall-espansjoni u żvilupp tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei fuq medda ta’ sebat elef u mitt metru kwadru, bil-għan li tiżdied il-kapaċità tal-isptar u jittejbu s-servizzi pprovduti.
Dan tħabbar permezz ta’ stqarrija maħruġa mill-Ministeru għas-Saħħa li spjegat kif l-iżvilupp propost se jkun qed jittrasforma b’mod sinifikanti ż-żona attwali fejn bħalissa hemm id-Dipartiment tal-Emerġenza u l-parkeġġ biswit tiegħu.
Fil-fatt, intqal kif dan il-parkeġġ se jinbidel biex jiġi estiż id-Dipartiment tal-Emerġenza fuq żewġ livelli, filwaqt li fuq erba’ livelli oħra jkun hemm Swali Mentali Akuti u livell għas-servizz neċessarju tal-binja magħrufa bħala Plant Room.
Dan apparti l-bini biex tiġi estiża l-Medical Assessment Unit. Hawn irid isir il-bini ta’ Plant Room fuq Livell 14, tiġi żviluppata ż-żona ekoloġika attwali biex tinkludi substation ġdida f’Livell 8 u 9 filwaqt li Livell għaxra se jinbidel f’parkeġġ għad-Diaprtiment tal-Emerġenza biex Livell 11 jipprovdi żona għall-pazjenti akuti.
Dan ix-xogħol se jara l-eskavazzjoni ta’ għaxart’elef u ħames mitt metru kubu, filwaqt li aktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn fuq is-sit etenders.gov.mt. billi tagħfas il-buttuna hawn taħt.